Thursday, October 1, 2009

Il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru

Il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru Tifkira ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, verġni u duttur tal-Knisja

L-Ewwel Qari Neħemija 8, 1-4a; 5-6; 7b-12

Il-poplu kollu nġabar flimkien fil-misraħ ta' quddiem Bieb l-Ilma, u talbu lil Esdra l-iskriba biex iġib il-Ktieb tal-Liġi ta' Mosè li l-Mulej kien ta lil Iżrael. Kien l-ewwel tas-seba' xahar mela, u Esdra l-qassis ġieb il-Liġi quddiem il-ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li kienu jifhmu dak li jisimgħu. U mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-irġiel, in-nisa, u dawk li kienu kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ li hemm quddiem Bieb l-Ilma. U l-poplu kollu kien attent jisma' l-qari tal-Ktieb tal-Liġi. Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk ta' l-injam, li kienu waqqfu għall-okkażjoni. Mbagħad Esdra fetaħ il-Ktieb u rah kulħadd jagħmel dan billi kien fil-għoli 'l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb kulħadd qam bilwieqfa. U Esdra bierek il-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu kollu b'idejh merfugħin 'il fuq wieġeb: "Amen, amen." U nxteħtu għarkubbtejhom b'wiċċhom ma' l-art jagħtu qima lill-Mulej. U l-poplu baqa' wieqaf fejn kien. Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b'mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari. Mbagħad il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u l-Leviti li kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: "Dan hu jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux?" Għax il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama' kliem il-Liġi. U żiedu jgħidulhom: "Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewwdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom." U l-Leviti komplew iqawwu qalb il-poplu u jgħidulu: "Isktu! Dan hu jum qaddis. La ssewwdux qalbkom." Mbagħad il-poplu kollu telaq biex jiekol u jixrob, u jibgħat jaqsam ma' ħaddieħor, u biex jagħmel festa b'ferħ kbir, għax kien fehem dak kollu li kienu għallmuh.

Salm Responsorjali Salm 19, 8; 9; 10; 11
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja; ix-xhieda tal-Mulej
hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; il-kmandament
tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal dejjem; il-ġudizzji
tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox.
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin, oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda.
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Evanġelju Luqa 10, 1-12

Ġesu’ għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f'kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: "Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, 'Is-sliem lil din id-dar.' U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa' lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F'kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, 'Is-Saltna ta' Alla waslitilkom.' Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu, 'Sa t-trab ta' beltkom infarfru minn ma' riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta' Alla waslet.’ Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.

No comments:

Post a Comment