Wednesday, October 21, 2009

L-Erbgħa 21 t’Ottubru

L-Erbgħa 21 t’Ottubru L-Erbgħa tat-29 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Rumani 6: 12-18

Tħallux, mela, li d-dnub isaltan fuq dan il-ġisem tagħkom li jmut u toqogħdu għall-ġibdiet tiegħu; anqas ma għandkom tħallu l-membri ta' ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu l-ħażen għas-servizz tad-dnub; imma offru ruħkom lil Alla bħala nies li reġgħu mill-mewt għall-ħajja ħalli l-membri ta' ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu t-tajjeb għas-servizz ta' Alla għall-ġustizzja tagħkom. Għax lilkom id-dnub ma għandux jaħkimkom, ladarba m'intomx tgħixu taħt il-Liġi, imma taħt il-grazzja. X'nagħmlu, mela? Ladarba m'aħniex taħt il-Liġi imma taħt il-grazzja, allura għandna nidinbu? Ma jkun qatt! Ma tafux li jekk intom toffru ruħkom lil xi ħadd b'ilsiera biex tobduh, ta' min tobdu tkunu l-ilsiera, kemm jekk dan ikun id-dnub, li jwassal għall-mewt, u kemm jekk tkun l-ubbidjenza li twassal għall-ġustifikazzjoni? Imma niżżu ħajr lil Alla: intom kontu lsiera tad-dnub, imma issa obdejtu minn qalbkom dik il-kwalità ta' tagħlim li ngħatalkom biex timxu fuqu; nfdejtu minn taħt id-dnub, imma tjassartu għall-ġustizzja.

Salm Responsorjali Salm 124: 1b-3, 4-6, 7-8

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej.

Li ma kienx il-Mulej magħna,

ħa jgħid hekk Iżrael li ma kienx il-Mulej magħna -

meta qamu għalina n-nies,

ħajjin kienu jibilgħuna,

meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej.

L-ilma kien jgħerriqna,

il-wied kien jgħaddi minn fuqna;

minn fuqna kien jgħaddi mewġ ta' l-ilma qawwi.

Mbierek il-Mulej, li ma telaqniex

priża għal snienhom.

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej.

Ħajjitna bħal għasfur ħelset

mix-xbiek tan-nassaba.

Ix-xibka tqattgħet,

u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej,

li għamel is-sema u l-art.

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej.

L-Evanġelju Luqa 12: 39-48

F'ak iz-zmien, Gesu' qalilhom: "Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta' daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem." "Mulej?" qallu Pietru," din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?" Wieġbu l-Mulej: "Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f'ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f'idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f'qalbu, 'Sidi jiddawwar ma jiġi,' u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f'jum meta ma jkunx jistennieh, f'siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m'humiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla'. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f'idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

No comments:

Post a Comment