Friday, October 16, 2009

Il-Ġimgħa 16 t’Ottubru

Il-Ġimgħa 16 t’Ottubru Il-Ġimgħa tat-28 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Rumani 4: 1-8

Xi ngħidu, mela, li sab Abraham, il-missier tagħna skond il-ġisem? Li kieku Abraham kien iġġustifikat bis-saħħa ta' l-opri, kien ikollu biex jiftaħar; imma mhux quddiem Alla! Għax xi tgħid l-Iskrittura? Tgħid li"Abraham emmen lil Alla u kien magħdud lilu b'ġustizzj?" Il-ħlas lil min jaħdem ma jingħaddlux bi pjaċir, imma b'dejn; iżda min bla ma jagħmel opri, jemmen lil Alla li jiġġustifika lil min hu ħażin, din il-fidi tiegħu tingħaddlu b'ġustizzja. Hekk wkoll David jgħid kemm hu hieni l-bniedem li Alla jqisu b'ġust mingħajr l-opri: "Hienja dawk li dnubiethom maħfura, u li ħtijiethom mgħottija. Hieni l-bniedem li l-Mulej ma jgħoddlu ebda dnub."

Salm Responsorjali Salm 32:1b-2, 5, 11

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni, iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,

li għandu d-dnub tiegħu mistur!

Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,

u ma għandu ebda qerq f'qalbu!

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni, iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,

u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.

Jien għedt: "Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti."

U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi.

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni, iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.

Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;

għajjtu bil-ferħ, intom ilkoll ta' qalbkom safja.

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni, iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.

L-Evanġelju Luqa 12: 1-7

Sadattant in-nies bdiet tinġabar bl- eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U hu qabad jgħid l-ewwelnett lid-dixxipli tiegħu: "Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b'ieħor tagħhom. Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Għalhekk, kull ma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstama' fid-dawl, u kull ma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta' ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut. "Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn Dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġo l-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu. Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla. U intom, sa x-xagħar ta' raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew.

No comments:

Post a Comment