Wednesday, September 30, 2009

L-Erbgħa 30 ta’ Settembru

L-Erbgħa 30 ta’ Settembru L-Erbgħa tas-26 ġimgħa ta' matul is-sena

L-Ewwel Qari Neħemija 2,1-8
Fix-xahar ta' Nisan tas-sena għoxrin tas-saltna ta' Artasersi, is-sultan kellu l-inbid quddiemu, u jien ħadt l-inbid u newwilthulu. Qatt ma kont wiċċi mqarras quddiemu. U hu qalli: "Għaliex int wiċċek imqarras? Marid m'intix: għalhekk dan tiegħek m'huwiex ħlief swied il-qalb." Mbagħad jien bżajt ħafna; imma weġibt lis-sultan;"Sultan, jalla tgħix għal dejjem! Għax m'għandix inqarras wiċċi meta l-belt fejn hemm l-oqbra ta' missirijieti hi ħerba waħda u l-bibien tagħha maħruqa bin-nar?" Qalli mbagħad is-sultan: "X'inhu li qiegħed titlobni?" Jien tlabt lil Alla tas-smewwiet, u weġibt lis-sultan: "Jekk is-sultan jidhirlu li hi ħaġa sewwa u jekk il-qaddej tiegħek jogħġob lis-sultan, nixtieq li tibgħatni f'art Ġuda, fil-belt fejn hemm l-oqbra ta' missirijieti, ħalli nerġa' nibniha." Mbagħad, bis-sultana bilqiegħda maġenbu, is-sultan staqsieni: "Kemm iddum il-mawra tiegħek? Kemm iddum ma terġa' lura?" U meta jien tajtu ż-żmien, is-sultan għoġbu jibgħatni. Jien għalhekk għedt lis-sultan: "Jekk is-sultan jogħġbu, ħa jagħtini ittri għall-gvernaturi tan-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat, biex iħalluni ngħaddi min naħa għall-oħra sa ma nasal f'art Ġuda. Ħa jagħtini wkoll ittra għal Asaf, li jieħu ħsieb il-foresti tas-sultan, biex jagħtini injam għat-travi fid-daħliet tal-fortizza li tħares it-tempju, tas-swar tal-belt, u tad-dar fejn se noqgħod."

Salm Responsorjali Ps 137:1-2, 3, 4-5, 6
Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, jekk ma niftakarx fik

F'xatt ix-xmajjar ta' Babilonja, hemm qgħadna bilqiegħda
u bkejna, aħna u niftakru f'Sijon.
Mas-siġar tal-luq tagħha, dendilna ċ-ċetri tagħna.
Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, jekk ma niftakarx fik

Għax hemm, dawk li jassruna,
talbuna ngħannulhom xi għanja;
dawk li hemm għakksuna stennew minna għana ta' ferħ:
"Għannulna mill-għana ta' Sijon."
Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, jekk ma niftakarx fik

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f'art barranija?
Tibbiesli idi l-leminija, jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!
Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, jekk ma niftakarx fik

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, jekk ma niftakarx fik,
jekk ma nżommx 'il Ġerusalemm 'il fuq minn kull ferħ tiegħi!
Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, jekk ma niftakarx fik

Evanġelju Luqa 9, 57-62

Kif Ġesu’ u d-dixxipli tiegħu kienu miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: "Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk." U qallu Ġesù: "Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta' l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu." Lil wieħed ieħor qallu: "Imxi warajja." Iżda dak wieġbu: "Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri." Iżda hu wieġbu: "Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta' Alla." U ieħor ukoll qallu: "Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar." Qallu Ġesù: "Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m'huwiex tajjeb għas-Saltna ta' Alla."

No comments:

Post a Comment