Wednesday, October 14, 2009

L-Erbgha 14 t'Ottubru

L-Erbgħa 14 t’Ottubru L-Erbgħa tat-28 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Rumani 2: 1-11

Int, ja bniedem, li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor ma għandek ebda skuża, int min int. Għax int u tagħmel ħaqq minn ħaddieħor tkun tikkundanna lilek innifsek, ladarba int u tagħmel il-ħaqq tkun tagħmel l-istess. Imma aħna nafu li dawk li jagħmlu ħwejjeġ bħal dawn, Alla jagħmel ħaqq minnhom skond il-verità. U taħseb int, ja bniedem, li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor li jagħmel dawn il-ħwejjeġ, u tagħmilhom int ukoll; taħseb int, li sejjer taħrab il-ġudizzju ta' Alla? Jew trid tabbuża mill-kobor tat-tjubija tiegħu, mis-sabar u l-ġenerożità tiegħu? Ma tafx li b'din il-ħniena tiegħu Alla jrid iwasslek għall-indiema? B'din l-ebusija ta' rasek u n-nuqqas ta' ndiema f'qalbek, inti qiegħed tiġma' għalik innifsek il-korla, għal jum il-korla, meta Alla għad jirrivela l-ġudizzju rett tiegħu, u jħallas lil kulħadd skond ma jkun għamel: jagħti l-ħajja ta' dejjem lil dawk li jipperseveraw sa l-aħħar fl-għemil it-tajjeb, u jkunu fittxew il-glorja u l-ġieħ u l-ħajja li ma tintemmx, imma jerfa' l-korla u l-qilla għal dawk li ma jridu jisimgħu b'xejn, u jirvellaw kontra l-verità biex imbagħad joqogħdu għall-ħażen. Tbatija u dwejjaq għal kull ruħ ta' bniedem li jagħmel il-ħażen, l-ewwel għal-Lhud, u mbagħad għall-Griegi; glorja u ġieħ u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb, l-ewwel għal-Lhud, u mbagħad għall-Griegi. Għax Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ!

Salm Responsorjali Salm 62:2-3, 6-7, 9

Mulej, int tagħti 'l kulħadd skond għemilu.

F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi:

mingħandu tiġini s-salvazzjoni.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

Mulej, int tagħti 'l kulħadd skond għemilu.

F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi,

għax mingħandu tiġini t-tama.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

Mulej, int tagħti 'l kulħadd skond għemilu.

Ittama fih f'kull żmien, o poplu;

iftħu qalbkom quddiemu.

Alla hu kenn għalina!

Mulej, int tagħti 'l kulħadd skond għemilu.

L-Evanġelju Luqa 11: 42-46

Imma ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta' ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi ġustizzja u mħabba ta' Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu, mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra. Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħobbu s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez. Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom." Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: "Mgħallem, b'dan li qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll?" Qallu Ġesù: "Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b'tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b'saba' wieħed ma tmissuhom.

No comments:

Post a Comment