Sunday, October 18, 2009

Il-Ħadd 18 t’Ottubru

Il-Ħadd 18 t’Ottubru Id-29 Ħadd ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Isaija 53: 10-11

Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Talli joffri ruħu b'sagrifiċċju ta' riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu; u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba' bit-tagħrif tiegħu. Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.

Salm Responsorjali Salm 33:4-5. 18-19, 20, 22

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.

It-Tieni Qari Lhud 4: 14-16

Mela meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f'kollox, minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b'qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f'waqtha l-grazzja li neħtieġu.

L-Evanġelju Mark 10: (35-45), 42-45

(Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: "Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna." Xi triduni nagħmlilkom?" staqsiehom. U huma weġbuh: "Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek." Imma Ġesù qalilhom: "Ma tafux x'intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?" "Għandna?" qalulu. Mbagħad qalilhom Ġesù: "Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din m'hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija." L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni.)

Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: "Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta' kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra."

No comments:

Post a Comment