Thursday, October 8, 2009

Il-Ħamis 8 t’Ottubru

Il-Ħamis 8 t’Ottubru Il-Ħamis tas-27 ġimgħa ta’ matul il-ġimgħa


L-Ewwel Qari Malakija 3, 13-20b


"Iebes għalija kliemkom?" jgħid il-Mulej."Imma intom tgħidu, 'X'għedna kontrik?’ Intom tgħidu: 'Hu għal xejn li taqdi lil Alla! U x'jiswa jekk ħarisna t-twissijiet tiegħu u jekk imxejna b'qalb imnikkta quddiem il-Mulej ta' l-eżerċti? Mela issa ħa nsejjħulhom aħna hienja n-nies kburin; dawk kollha li jagħmlu l-ħażen mhux biss imurilhom kollox bir-riżq, imma wkoll meta jġarrbu 'l Alla jeħilsuha ħafif!'?" Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta widen u sama'; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f'dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f'Ismu. "U fil-jum imħejji minni?" jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti,"huma jkunu għalija teżor li ma bħalu, u nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih." Mbagħad mill-ġdid tagħrfu tagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi 'l Alla u min ma jaqdihx. "Għax, ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom?" jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti,"hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa. Imma għalikom li tibżgħu minn ismi titla' x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha; u intom toħorġu taqbżu qiskom għoġiela tal-mandra.


Salm Responsorjali Salm1, 1-2; 3; 4; 6

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu


Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu


Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat ta' l-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f'kull ma jagħmel.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu


Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu


L-Evanġelju Luqa 11, 5-13


F’dak iż-żmien Ġesù qalilhom: "Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f'nofs ta' lejl u jgħidlu, 'Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x'nagħtih.' U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, 'Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.' Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla'; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu. Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu?"

No comments:

Post a Comment