Thursday, October 22, 2009

Il-Ħamis 22 t’Ottubru

Il-Ħamis 22 t’Ottubru Il-Ħamis tat-29 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Rumani 6: 19-23

Qiegħed nitkellem magħkom ta' bnedmin li aħna, għax in-natura tagħkom dgħajfa. Bħalma l-membri ta' ġisimkom kontu jassartuhom għaż-żína u l-ħażen, hekk issa dawn l-istess membri jassruhom għall-ġustizzja biex tkunu qaddisin. Meta kontu lsiera tad-dnub, kontu ħielsa f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġustizzja. Xi frott ħsadtu dak iż-żmien mill-ħwejjeġ li issa qegħdin iħammrulkom wiċċkom? It-tmiem ta' dawk il-ħwejjeġ hija l-mewt. Imma issa li ħlistu mid-dnub u sirtu lsiera ta' Alla, qegħdin taħsdu għalikom frott li jwassal għall-qdusija, u għandkom bħala tmiem il-ħajja ta' dejjem. Għax il-ħlas tad-dnub hu l-mewt, imma d-don li tana Alla huwa l-ħajja ta' dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.

Salm Responsorjali Salm 1: 1-2, 3, 4 u 6

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.

Hieni l-bniedem li ma jimxix

fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.

Hu bħal siġra

mħawwla ħdejn nixxigħat ta' l-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f'kull ma jagħmel.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għalhekk il-ħżiena ma jifilħux għall-ħaqq,

ma joqogħdux il-ħatja fil-ġemgħat tat-tajbin.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.

L-Evanġelju Luqa 12: 49-53

F'dak iz-zmien Gesu' qal lid-dixxipli tieghu: "Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x'diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum 'il quddiem ħamsa minn nies f'dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha.

No comments:

Post a Comment