Monday, October 19, 2009

It-Tnejn 19 t’Ottubru

It-Tnejn 19 t’Ottubru San Ġwann de Brébeuf, Sant’ Iżakk Jogues, Saċerdoti u Sħabhom, Martri

L-Ewwel Qari Rumani 4: 20-25

Quddiem il-wegħda ta' Alla, Abraham ma qagħadx italla' u jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-fidi, filwaqt li gglorifika lil Alla u żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu. U kien għalhekk li dan ġie "lilu magħdud b'ġustizzja?" Iżda l-kelmiet "ġie lilu magħdud?" ma nkitbux għalih biss, imma għad ikun magħdud ukoll lilna li nemmnu f'dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna, li kien mogħti għall-mewt għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

Salm Responsorjali Luqa 1: 69-70, 71-72, 73-75

Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.

Gie jżur u jifdi l-poplu tiegħu biex jeħlishom,

Hu waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni

f'dar David qaddej tiegħu.

Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.

Bħalma wiegħed fl-imgħoddi b'fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna,

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B'hekk juri ħniena ma' missirijietna

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu.

Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.

Din kienet il-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:

li jagħtina l-grazzja li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,

naqduh bla biża', tul ħajjitna kollha,

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.

Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.

L-Evanġelju Luqa 12: 13-21

Xi ħadd mill-folla qallu: "Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi." "Ħabib?" wieġbu Ġesù, "min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?" Mbagħad qal lin-nies: "Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu." U qalilhom parabbola: "Wieħed raġel għani ġabar kotra ta' frott mir-raba' tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, 'X'se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x'nagħmel,' qal, 'inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta' ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala?" Iżda qallu Alla, 'Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta' min ikunu?' Hekk jiġrilu min jiġma' l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla."

No comments:

Post a Comment