Saturday, October 10, 2009

Is-Sibt 10 t’Ottubru

Is-Sibt 10 t’Ottubru Is-Sibt tas-27 ġimgħa ta’ matul is-sena


L-Ewwel Qari Ġoel 4, 12-21


Ħa jitqanqlu l-ġnus u jmorru fil-Wied ta' Ġosafat! Għax hemm se noqgħod biex nagħmel ħaqq mill-ġnus kollha ta' madwar. Ressqu l-minġel; għax laħaq il-ħsad! Ejjew, isħqu b'riġlejkom, għax mimli l-magħsar; il-btieti mfawwrin, għax kbira ħżunithom! Rassa bla qjies f'wied is-sentenza! Għax Jum il-Mulej fil-qrib f'wied is-sentenza. Ix-xemx u l-qamar jiddallmu, u l-kwiekeb jitilfu dijiethom. Il-Mulej iriegħed minn Sijon, isamma' leħnu minn Ġerusalemm; u s-smewwiet u l-art jitriegħdu! Iżda l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn, ikun fortizza għal ulied Iżrael! "Mbagħad tagħrfu li jien il-Mulej, Alla tagħkom, li ngħammar f'Sijon, il-muntanja mqaddsa tiegħi! Ġerusalemm tkun post qaddis, qatt iżjed ma jgħaddu minnha l-barranin! U jiġri dakinhar, il-muntanji jqattru l-inbid ġdid, l-għoljiet inixxu l-ħalib, u l-widien kollha ta' Ġuda ifuru bl-ilmijiet. U minn dar il-Mulej tnixxi għajn Li ssaqqi Wied Sittim. L-Eġittu jsir ħerba waħda, Edom jinbidel f'deżert li jbikki, minħabba fil-moħqrija li wrew ma' wlied Ġuda meta xerrdu demmhom bla ħtija f'arthom. Imma art Ġuda tkum mgħammra għal dejjem, u Ġerusalemm għal dejjem ta' dejjem. U nitħallas minn demmhom li s'issa għadni ma tħallastx minnu u l-Mulej jgħammar f'Sijon."


Salm Responsorjali Salm 97:1-2, 5-6, 11-12

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej.


Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru;

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej.


Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,

quddiem is-Sid ta' l-art kollha.

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej.


Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust,

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej,

u faħħru l-isem qaddis tiegħu.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej.


L-Evanġelju Luqa 11, 27-28


Huwa u jgħid dan, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: "Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt?" Iżda hu qalilha: "Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jħarsuha?"

U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.'?"

No comments:

Post a Comment