Sunday, October 11, 2009

Il-Ħadd 11 t’Ottubru

Il-Ħadd 11 t’Ottubru It-28 Ħadd ta’ matul is-sena


L-Ewwel Qari Għerf 7: 7-11


Għalhekk jien tlabt u qlajt l-għaqal; sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu ta' l-għerf. Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru u tron, u ntbaħt li l-għana m'hu xejn ħdejh. Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża, għax id-deheb kollu ħdejh m'huwiex ħlief ftit ramel, u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn. Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu, u għoġobni aktar mid-dawl; għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt. Ma' l-għerf ġieni l-ġid kollu, u miegħu ġiebli għana bla qjies


Salm Responsorjali Salm 90:12-13, 14-15, 16-17

Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej, biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.


allimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej, biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.


Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ferraħna daqs kemm għakkistna,

għas-snin li fihom rajna l-ħsara.

Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej, biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.


Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta' Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta' idejna,

wettaq, iva, xogħol idejna.

Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej, biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.


It-Tieni Qari Lhud 4: 12-13


Il-kelma ta' Alla hi ħajja u qawwija, taqta' aktar minn xabla b'żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.


L-Evanġelju Mark 10: 17-27, (28-30)


Kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'?" qallu Ġesù,"ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta' ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u 'l ommok." U dak wieġbu u qallu: "Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti." Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba u qallu: "Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja." Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b'qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid. Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: "Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta' Alla! Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa' qalilhom: "Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta' Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta' Alla?" Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: "Mela min jista' jsalva?" Ġesù ħares lejhom u qalilhom: "Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista' jkun."


(Qabeż Pietru u qallu: "Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk." Qallu Ġesù: "Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f'din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma' persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta' dejjem fiż-żmien li ġej.)

No comments:

Post a Comment