Tuesday, October 20, 2009

It-Tlieta 20 t’Ottubru

It-Tlieta 20 t’Ottubru It-Tlieta tat-29 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Rumani 5: 12, 15b, 17-19, 20b-21

Għalhekk, bħalma kien permezz ta' bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.Jekk permezz ta' ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta' Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta' bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra. Għax jekk minħabba fil-ħtija ta' wieħed waħdu saltnet il-mewt, permezz ta' dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta' wieħed li hu Ġesù Kristu. Mela kif bil-ħtija ta' wieħed waħdu waslet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta' wieħed waslet lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni tal-ħajja. Għax kif bid-diżubbidjenza ta' bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta' wieħed il-ħafna jsiru ġusti. Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja. B'hekk, kif id-dnub saltan permezz tal-mewt, hekk issa l-grazzja ssaltan permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta' dejjem bis-saħħa ta' Ġesù Kristu Sidna.

Salm Responsorjali Salm 40: 7-8a, 8b-9, 10-17

Hawn jien, Mulej; ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Mbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej. "

Hawn jien, Mulej; ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.

Hawn jien, Mulej; ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

Xandart il-ġustizzja f'ġemgħa kbira;

xufftejja ma żammejthomx magħluqa. Mulej, dan inti tafu.

Hawn jien, Mulej; ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

Jithennew u jifirħu bik

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: "Kbir il-Mulej?"

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.

Hawn jien, Mulej; ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

L-Evanġelju Luqa 12: 35-38

"Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!

No comments:

Post a Comment