Is-Sibt 17 t’Ottubru Tifkira ta’ San Injazju ta’ Antjokja, isqof u martri
L-Ewwel Qari Rumani 4: 13, 16-18
Lil Abraham jew lin-nisel tiegħu l-wegħda li jirtu d-dinja ma saritilhomx permezz tal-Liġi, imma permezz tal-ġustizzja bil-fidi. Għalhekk il-wegħda hi marbuta mal-fidi, biex tkun mogħtija bħala grazzja, u hekk tibqa' sħiħa għal uliedu kollha, mhux biss dawk li jgħixu bil-Liġi, imma wkoll dawk li jgħixu bil-fidi ta' Abraham - il-missier tagħna lkoll, skond ma hemm miktub: "Jiena nagħmel minnek missier ta' kotra kbira ta' ġnu?" - missierna quddiem Alla li fih hu emmen, li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u li jsejjaħ fl-eżistenza lil dak li ma jeżistix. Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta' kotra kbira ta' ġnus, skond ma kien intqal lilu: "Hekk għad ikun in-nisel tiegħek."
Salm Responsorjali Salm 105:6-7, 8-9, 42-43
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna!
Ma' l-art kollha l-ġudizzji tiegħu!
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma' Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk,
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu
u f'Abraham, il-qaddej tiegħu.
U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu,
b'għajat ta' ferħ lill-magħżulin tiegħu.
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
L-Evanġelju Luqa 12: 8-12
"U ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta' Alla. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta' Alla. U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux. Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x'sejrin tgħidu, għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x'għandkom tgħidu."

No comments:
Post a Comment