Tuesday, October 13, 2009

It-Tlieta 13 t'Ottubru

It-Tlieta 13 t’Ottubru It-Tlieta tat-28 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Rumani 1: 16-25

Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta' Alla għas-salvazzjoni ta' dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi, u fih tidher il-ġustizzja ta' Alla minn fidi għal fidi, skond ma hemm miktub: "Il-ġust jgħix bil-fidi." Il-korla ta' Alla tidher nieżla mis-sema fuq il-ħażen u l-inġustizzja tal-bnedmin li jżommu l-verità mjassra bl-inġustizzja; għax dak li wieħed jista' jagħraf minn Alla kien, iva, irrivelat lilhom; Alla stess urihulhom. Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta' dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża. Imma għad li lil Alla għarfuh, huma la tawh ġieħ ta' Alla li hu, u lanqas raddewlu ħajr; għall-kuntrarju, moħħhom intilef fil-bluha, u qalbhom bla dehen iddallmet; waqt li riedu jagħmluha ta' għorrief, bliehu u bidlu l-glorja ta' dak Alla li ma jintemmx ma' sura u xbieha tal-bniedem li jintemm, ta' l-għasafar, tal-bhejjem b'erba' saqajn, tas-sriep. U għalhekk Alla rħiehom għall-ġibdiet ħżiena ta' qalbhom, biex niġġsu u waqqgħu fl-għajb lil ġisimhom stess bejniethom. Il-verità ta' Alla bidluha ma' gidba, u taw il-ġieħ u l-qima tagħhom lill-ħlejjaq flok ma tawhom lill-Ħallieq, li jkun imbierek għal dejjem. Amen.

Salm Responsorjali Salm 19:2-3, 4-5

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla.

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla,

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar,

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla.

Ma hemmx aħbar u anqas kliem,

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħenhom,

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla.

L-Evanġelju Luqa 11: 37-41

Huwa u jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda. Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn ma nħasilx skond ir-riti ta' qabel l-ikel. U l-Mulej qallu: "U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen. Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta' barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta' ġewwa? Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif.

No comments:

Post a Comment