Friday, October 9, 2009

Il-Ġimgħa 9 t'Ottubru

Il-Ġimgħa 9 t'Ottubru Il-Ġimgħa tas-27 ġimgħa ta’ matul il-ġimgħa


L-Ewwel Qari Ġoel 1, 13-15; 2:1-2


Ilbsu x-xkejjer, qassisin, u olfqu, ixhru, qaddejja ta' l-artal! Ejjew, orqdu bl-ixkejjer fuqkom, qaddejja ta' Alla tiegħi! Għax miżmuma mid-dar ta' Alla tagħkom l-offerta ta' l-ikel u tax-xorb. Ordnaw sawma; sejjħu laqgħa mqaddsa; morru iġbru x-xjuħ, u n-nies kollha tal-pajjiż fid-dar tal-Mulej Alla tagħkom. Għajjtu lill-Mulej: "Ah, x'jum dan! Għax fil-qrib jum il-Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj."


Doqqu t-tromba f'Sijon, semmgħu l-aħbar minn fuq il-muntanja mqaddsa tiegħi! Ħa jitriegħdu dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż, għax Jum il-Mulej wasal, għax hu fil-qrib! Jum ta' dlam u ta' swied, jum ta' sħab u ta' ċpar magħqud. Fuq il-muntanji jinfirex bħal sħaba sewda poplu kotran u qawwi, li bħalu ma kien hemm qatt fl-imgħoddi, lanqas ma jkun hemm warajh saż-żminijiet l-aktar imbiegħda.


Salm Responsorjali Salm 9, 2-3; 6; 16; 8-9

Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja


Infaħħrek, Mulej, b'qalbi kollha;

nxandar għeġubijietek kollha!

Nifraħ u nithenna bik;

ngħanni lil ismek, int Alla l-għoli.

Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja


Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena;

ħassart isimhom għal dejjem ta' dejjem.

Waqgħu l-ġnus fil-ħofra li ħaffru;

fix-xibka li ħbew inqabad riġilhom.

Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja


Imma l-Mulej isaltan għal dejjem,

iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

jiġġudika l-popli bis-sewwa.

Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja


L-Evanġelju Luqa 11;15-26


Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan iżda xi wħud minnhom qalu: "Bis-saħħa ta' Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten." Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema. Iżda hu ntebaħ x'kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: "Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa' dar fuq oħra. Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta' Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta' min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta' Alla. Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. Min m'huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.


"Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f'art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, 'Mela nerġa' lura lejn dari mnejn ħriġt.' U x'ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f'postu. Mbagħad imur iġib seba' spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f'qagħda agħar minn ta' qabel."

No comments:

Post a Comment