Thursday, October 15, 2009

Il-Ħamis 15 t’Ottubru

Il-Ħamis 15 t’Ottubru Il-Ħamis tat-28 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Rumani 3: 21-30

Issa l-ġustizzja ta' Alla dehret mingħajr il-Liġi, għad li l-Liġi u l-profeti jixhdu għaliha. U din hi l-ġustizzja ta' Alla u li Alla jagħti permezz tal-fidi f'Ġesù Kristu lil dawk li jemmnu, bla ma jagħżel bejniethom. Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta' Alla; għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù. Lilu Alla qiegħdu sagrifiċċju ta' tpattija għall-maħfra tad-dnubiet għal dawk li jemmnu bih. U dan bis-saħħa ta' demmu. B'hekk Alla issa juri l-ġustizzja tiegħu, waqt li fl-imgħoddi għalaq għajnejh għad-dnubiet li saru fi żmien li kien jistabar bihom. Ried, iva, juri l-ġustizzja tiegħu f'dan iż-żmien ħalli juri li hu ġust u jiġġustifika wkoll lil min jemmen f'Ġesù. Biex, mela, jista' wieħed jiftaħar? Ma hemmx biex. U bis-saħħa ta' liema liġi? Ta' l-opri? Le, iżda bis-saħħa tal-liġi tal-fidi. Għax aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi. Forsi Alla hu Alla tal-Lhud biss? Mhux tal-pagani wkoll? Iva, tal-pagani wkoll: Alla hu wieħed, u hu l-istess wieħed li jiġġustifika permezz tal-fidi l-Lhudi ċirkonċiż u l-pagan mhux ċirkonċiż.

Salm Responsorjali Salm 130:1b-2, 3-4, 5-6ab

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra.

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa,

jiena u nitolbok bil-ħniena.

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi,

min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra,

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra.

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi,

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra.

L-Evanġelju Luqa 11: 47-54

Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom, u b'hekk tagħtu xhieda ta' kull ma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra. Kien għalhekk li l-Għerf ta' Alla qal, 'Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.' U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta' demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, ibda mid-demm ta' Abel sad-demm ta' Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont! Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ ta' l-għerf, biex mbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol?" Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b'mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.

No comments:

Post a Comment