Monday, October 12, 2009

It-Tnejn 12 t'Ottubru

It-Tnejn 12 t’Ottubru It-Tnejn tat-28 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Rumani 1: 1-7

Pawlu, qaddej ta' Kristu Ġesù, msejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta' Alla. Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta' David, u, skond l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta' Alla b'kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. Bih aħna rċevejna l-grazzja ta' l-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta' ismu. Fosthom tinsabu intom ukoll, msejjħin biex tkunu ta' Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta' Alla li jinsabu Ruma msejjħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.

Salm Responsorjali Salm 98:1bcde, 2-3ab, 3cd-4

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f'għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta' Iżrael.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta' Alla tagħna.

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu.

L-Evanġelju Luqa 11: 29-32

Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: "Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta' Ġona. Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta' Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. F'jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta' dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta' l-art biex tisma' l-għerf ta' Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun! F'jum il-ħaqq, in-nies ta' Ninwè għad iqumu ma' dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta' Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!

No comments:

Post a Comment