Wednesday, September 16, 2009

Qari għall-Erbgħa 16 ta' Settembru, Tifkira Obbligatorju ta' San Kornelju, Papa u Martri, u San Ċiprijanu, Isqof u Martri

L-Ewwel Qari 1Tim 3, 14-16
Għażiż: Qiegħed niktiblek dan, għalkemm għandi tama qawwija li ma ndumx ma niġi għandek. Imma biex, jekk indum ma niġi, tkun taf kif wieħed għandu jġib ruħu fid-dar ta' Alla, li hi l-Knisja ta' Alla l-ħaj, kolonna u pedament tal-verità. Bla ebda dubju, kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna: Hu deher fil-ġisem, kien iġġustifikat bl-Ispirtu, deher lill-anġli, ixxandar fost il-pagani, emmnuh fid-dinja, ittieħed fil-glorja.
Salm Responsorjali Salm 111, 1-2; 3-4; 5-6
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej
Nrodd ħajr lill-Mulej b'qalbi kollha, fil-laqgħa
tat-tajbin flimkien miġbura.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej; ifittxuhom dawk kollha
li jitgħaxxqu bihom.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej; għal dejjem tibqa'
l-ġustizzja tiegħu.
Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu; twajjeb u ħanin il-Mulej.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej
Hu jagħti l-għajxien lil min jibża' minnu, jiftakar għal dejjem
fil-patt tiegħu.
Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta' għemilu, meta qassam lilhom art il-ġnus.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej
Evanġelju Lq 7, 31-35
F'dak iż-żmien Ġesu' qal: "Ma' min, mela, se nxebbahhom in-nies ta' dan iż-żmien? Lil min jixbhu? Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajjtu lil xulxin u jgħidu, 'Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta' niket u ma ħabbattux fuq sidirkom!' Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, u intom tgħidu li 'għandu fih xitan'. Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u tgħidu, 'Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!' Imma l-ulied ta' Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu."

No comments:

Post a Comment