Saturday, September 26, 2009

Is-Sibt 26 ta’ Settembru

Is-Sibt 26 ta’ Settembru Is-Sibt tal-25 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Żakkarija 2, 5-9; 14-15a

Jiena Żakkarija erfajt għajnejja u ħarist, u ara kien hemm raġel li f'idu kellu ħabel biex iqis. U jien għedtlu: "Fejn inti sejjer?" U hu weġibni: "Sejjer inqis 'il Ġerusalemm, biex nara kemm hu l-wisa' tagħha u kemm hu t-tul tagħha." U ara, l-anġlu li kien kellimni waqaf u anġlu ieħor resaq jiltaqa' miegħu. U dak qallu: "Iġri, kellem lil dak iż-żagħżugħ u għidlu: 'Ġerusalemm tkun mgħammra bħal bliet mingħajr swar, daqs kemm ikun hemm nies u bhejjem ġo fiha. U jien inkun għaliha, oraklu tal-Mulej, ħajt tan-nar madwarha, u nkun is-sebħ tagħha f'nofsha." Għajjat bil-ferħ u infexx fl-hena, bint Sijon. għaliex arani ġej biex ngħammar f'nofsok, oraklu tal-Mulej,[Żak:2:15] u kotra kbira ta' ġnus jingħaqdu dakinhar mal-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi. U jiena ngħammar f'nofsok.

Salm Responsorjali Ġeremija 31, 10 ; 11-12b ; 13
Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu

"Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,
xandruha 'l bogħod fil-gżejjer:
għidu: 'Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,
u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.'
Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,
ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.
Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta' Sijon,
u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej
Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu

"Mbagħad jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,
jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ;
u jiena nbiddel il-vistu tagħhom f'hena,
nfarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom.
Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu

l-Evanġelju Lk 9, 43b-45

Kif kienu lkoll imnixxfin bil-għaġeb quddiem dan il-kobor li ma bħalu ta' Alla Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu "Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f'idejn il-bnedmin." Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa' mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

No comments:

Post a Comment