Tuesday, September 29, 2009

It-Tlieta 29 ta’ Settembru

It-Tlieta 29 ta’ Settembru Festa ta’ San Mikiel, San Rafel u San Gabriel, Arkanġli

L-Ewwel Qari Danjel 7, 9-10 ; 13-14 jew Apokalissi 12,7-12b

Danjel 7, 9-10 ; 13-14
Kont għadni qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda; lbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu, nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu; xmara ta' nar kienet għaddejja, ħierġa minn quddiemu; eluf ta' eluf kienu jaqduh, u għaxart elef ta' għaxriet ta' eluf wieqfa quddiemu. Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu. "U billejl deherli qiegħed nara bħal iben ta' bniedem, ġej mis-sħab tas-sema, li baqa' sejjer sax-Xiħ fl-għomor u ressquh quddiemu. U tawh ħakma, ġieħ, u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien. Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix, u saltnatu li ma tinqeridx.

Jew

Apokalissi 12,7-12b

Mbagħad qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħlbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U kien imwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu. U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: "Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, u s-Saltna ta' Alla tagħna, u s-setgħa tal-Messija tiegħu, għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna. U huma ħarġu rebbieħa fuqu permezz tad-demm tal-Ħaruf u bis-saħħa tal-kelma li xehdu, u ma għożżewx ħajjithom, minkejja saħansitra l-mewt. Għalhekk ifirħu, smewwiet, u intom li tgħammru fihom."

Salm Responsorjali Salm 138, 1-2b; 2c-3; 4-5
Quddiem l-anġli rrid ngħannilek

Nroddlok ħajr, Mulej, b'qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi. Quddiem l-anġli rrid ngħannilek.
B'wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek,
u nroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.
Quddiem l-anġli rrid ngħannilek

Għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni, kattarli l-qawwa f'ruħi.
Quddiem l-anġli rrid ngħannilek

Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha ta' l-art,
għaliex semgħu l-kliem ta' fommok.
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej, għax kbir hu sebħ il-Mulej.
Quddiem l-anġli rrid ngħannilek

Evanġelju Ġwanni 1, 47-51

Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih: "Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih." Natanjel staqsieh: "Kif sirt tafni?" U Ġesù wieġbu: "Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu." "Rabbi?" qallu Natanjel,"int l-Iben ta' Alla, inti s-sultan ta' Iżrael?" Ġesù wieġbu: "Qiegħed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn?" U żied jgħidlu: "Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta' Alla telgħin u niżlin fuq Bin il-bniedem."

No comments:

Post a Comment