Thursday, September 17, 2009

Il-Ħamis 17 ta’ Settembru

Il-Ħamis 17 ta’ Settembru Ħamis ta’ l-24 Ġimgħa ta' matul is-sena

L-Ewwel Qari 1Tim 4, 12-16

Għażiż: Qis li ħadd ma jmaqdrek għax inti żagħżugħ; kun ta' eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa. Sa ma niġi, ħu ħsieb il-qari tal-Kotba Mqaddsa, it-twissijiet u t-tagħlim. Tinsiex il-grazzja li għandek fik, li kienet mogħtija lilek bis-saħħa tal-kliem tal-profezija u bit-tqegħid ta' l-idejn tal-presbiteri fuqek. Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi 'l quddiem. Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f'dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.

Salm Responsorjali Salm 111, 7-8; 9; 10

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh; ta' min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,
mwettqa għal dejjem ta' dejjem, magħmula bis-sewwa
u bid-dritt.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu, waqqaf għal dejjem il-patt tiegħu. Qaddis u tal-biża' hu ismu!
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

Il-bidu ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej: tassew bil-għaqal kull min jimxi bih, għal dejjem jibqa' t-tifħir tiegħu!
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

Evanġelju Lq 7, 36-50

F'dak iż-żmien: Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ; u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b'xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: "Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x'mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba?" Imma Ġesù qabad u qallu: "Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.""Għid, mgħallem?" qallu dak. "Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma' wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?" Wieġeb Xmun u qal: "Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.""Ħsibtha tajjeb?" qallu Ġesù. Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: "Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b'xuxitha. Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b'żejt ifuħ. Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb." Mbagħad qal lilha: "Dnubietek maħfura." Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: "Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?" Iżda hu qal lill-mara: "Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem."

No comments:

Post a Comment