Friday, September 18, 2009

Il-Ġimgħa 18 ta' Settembru

Il-Ġimgħa 18 ta' Settembru Il-Ġimgħa tal-24 ġimgħa ta' matul is-sena
L-Ewwel Qari 1 Tim 4, 2c-12

Għażiż: Dan għallem u wissi. Min jgħallem ħaġa oħra, min ma joqgħodx għall-kliem utieq ta' Sidna Ġesù Kristu u għat-tagħlim skond it-tjieba, dan ikun supperv u ma jkun jaf xejn, marid bil-marda tat-tilwim u kliem li ma jġibx ħlief għira u ġlied, tkasbir u suspetti ħżiena u tilwim bejn nies ta' moħħhom maqlub u nieqsa mill-verità; u mingħalihom it-tjieba qiegħda għal qligħ il-flus. It-tjieba fiha qligħ kbir, tassew, għal min hu kuntent b'dak li għandu; għax aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x'nieklu u x'nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina. Imma dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f'ħafna xewqat bla sens u ta' ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta' kull ħażen; kien ħtija ta' din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b'niket kbir. Imma int, bniedem ta' Alla, aħrab dan kollu; fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta' dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.

Salm Responsorjali Ps 49, 6-7; 8-10; 17-18; 19-20
Imberkin il-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet

Għax għandi nibża' mill-jiem ħżiena, meta jdur għalija l-ħażen ta' dawk li jonsbuni?
F'ġidhom it-tama tagħhom; jiftaħru bil-kotra ta' l-għana tagħhom.
Imberkin il-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet

Ħadd ma jista' jifdi lilu nnifsu, jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.
Għoli wisq il-prezz ta' ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed,
biex wieħed jgħix għal dejjem u ma jara qatt il-qabar.
Imberkin il-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet

Tibżax meta xi ħadd jistagħna, meta joktor il-ġieħ ta' daru.
Għax xejn ma jieħu f'mewtu, ġieħu ma jinżilx warajh.
Imberkin il-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet

Mqar jekk f'ħajtu jħoss ruħu hieni, u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;
imur ukoll mal-ġemgħa ta' missirijietu, li qatt aktar ma jaraw id-dawl.
Imberkin il-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet

Evanġelju Lq 8, 1-3

F’dak iż-żmien, Ġesu’ qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta' Alla. Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta' Magdala, li minnha kienu ħarġu seba' xjaten, Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta' Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

No comments:

Post a Comment