Friday, September 25, 2009

Il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru

Il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru Il-Ġimgħa tal-25 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Ħaggaj 2, 1-9

Fit-tieni sena tas-sultan Dariju, fis-seba' xahar, fil-wieħed u għoxrin tax-xahar, ġiet il-kelma tal-Mulej permezz ta' Ħaggaj, il-profeta, u qallu: "Isa, mur kellem lil Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta' Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u lill-bqija tal-poplu, u għidilhom:Min għad baqa' fostkom li ra dan it-tempju fil-glorja li kellu qabel? U issa kif qegħdin tarawh? F'għajnejkom m'hux forsi qisu xejn? Imma issa qawwi qalbek, Żerubbabel, oraklu tal-Mulej, qawwi qalbek, Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir; qawwi qalbek, poplu tal-pajjiż, oraklu tal-Mulej. Aqbdu aħdmu, għax jiena magħkom, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti. Il-kelma li biha ntrabbat magħkom fi ħruġkom mill-Eġittu, u l-ispirtu tiegħi, jibqgħu f'nofskom: la tibżgħux?" Għax hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Dalwaqt, ftit ieħor biss, u jiena nheżheż is-smewwiet u l-baħar u l-blat, u nqanqal il-ġnus kollha, u l-ġid kollu tal-popli jiġi kollu hawn, u nimla dan it-tempju bil-glorja?" jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. "Tiegħi l-fidda u tiegħi d-deheb, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti. Il-glorja ta' l-aħħar ta' dan it-tempju tkun akbar minn ta' qabel?" jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti,"u f'dan il-post jiena nagħti s-sliem?" oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.

Salm Responsorjali Salm 43,1; 2; 3; 4
It-tama tiegħi f’Alla; Infaħħru, is-Salvatur tiegħi u Alla tiegħi

Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej, u min-nies bla tjieba ddefendi
l-kawża tiegħi; min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.
It-tama tiegħi f’Alla; Infaħħru, is-Salvatur tiegħi u Alla tiegħi

Inti l-kenn tiegħi, o Alla; għaliex warrabtni?
Għax għandi ngħix imdejjaq taħt it-tagħkis ta' l-għadu?
It-tama tiegħi f’Alla; Infaħħru, is-Salvatur tiegħi u Alla tiegħi

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek; huma jmexxuni;
iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek u sa l-għerejjex tiegħek.
It-tama tiegħi f’Alla; Infaħħru, is-Salvatur tiegħi u Alla tiegħi

U nidħol ħdejn l-artal ta' Alla, ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U nroddlok ħajr biċ-ċetra, o Alla, Alla tiegħi.
It-tama tiegħi f’Alla; Infaħħru, is-Salvatur tiegħi u Alla tiegħi

Evanġelju Lk 9,18-22

Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: "Min jgħidu n-nies li jien?" Huma weġbuh u qalulu: "Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta' l-imgħoddi." Qalilhom: "Imma intom min tgħidu li jien?" Qabeż Pietru u qallu: "Inti l-Messija ta' Alla." Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b'dan. U qalilhom: "Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum."

No comments:

Post a Comment