Monday, September 21, 2009

It-Tnejn 21 ta’ Settembru

It-Tnejn 21 ta’ Settembru Festa ta’ San Mattew, Apostlu u Evanġelista

L-Ewwel Qari Efesin 4,1-7; 11-13

Għeżież: Inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal- Mulej, biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu msejjħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu 'l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejjħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta' kulħadd, li hu fuq kulħadd, b'kulħadd u f'kulħadd. Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skond il-qjies tad-don ta' Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: "Tela'?": xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t'isfel ta' l-art? Dak li niżel huwa dak li tela' fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox. U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin: Hekk jitrawwmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien ta' l-Iben ta' Alla; nsiru raġel magħmul, fl-aħjar ta' żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta' Kristu.

Salm Responsorjali Salm 19, 2-3; 4-5

Kliemhom jasal sal-art kollha

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.
Kliemhom jasal sal-art kollha

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Ma' l-art kollha jasal leħenhom, mad-dinja kollha jixtered kliemhom.
Kliemhom jasal sal-art kollha

Evanġelju Mt 9:9-13

F’dak iż-żmien: Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew."Ejja warajja?" qallu. Dak qam u mar warajh. U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta pubblikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma' Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli: "Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?"] Hu semagħhom, u qal: "It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu x'jiġifieri, 'Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju'; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin."

No comments:

Post a Comment