Tuesday, September 22, 2009

It-Tlieta 22 ta’ Settembru

It-Tlieta 22 ta’ Settembru Tlieta tal-25 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Esdra 6,7-8; 12b; 14-20

Ir-re Darju ħareġ ordni lill-uffiċjali tiegħu fuq n-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat: Ħallu x-xogħol fuq dan it-tempju ta' Alla jibqa' miexi; ħallu l-gvernatur u l-kapijiet tal-Lhud jibnu dan it-tempju ta' Alla fil-post li kellu qabel. U nordna b'digriet: Dan hu li għandkom tagħmlu għall-kapijiet tal-Lhud għall-bini ta' dan it-tempju ta' Alla: l-ispejjeż għandhom jitħallsu lil dawn in-nies bla waqfien mit-taxxi tan-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat, li huma propjetà tas-sultan. Jien, Darju, nordna dan b'digriet. Ħa jkun obdut kollu kemm hu."

Il-kapijiet tal-Lhud komplew jibnu u jmexxu x-xogħol 'il quddiem imħeġġin mill-profeta Ħaggaj u mill-profeta Żakkarija bin Għiddu. U lestew il-bini kif ordnalhom Alla ta' Iżrael, u kif kienu ordnawlhom Ċiru, u Darju, u Artasersi, slaten tal-Persja. Dan it-tempju lestewh fit-tlieta tax-xahar ta' Adar, fis-sitt sena tas-saltna tas-sultan Darju. U wlied Iżrael, il-qassisin, il-Leviti, u l-bqija ta' dawk li kienu ġew lura mill-eżilju, kollhom ferħana għamlu l-festa tal-konsagrazzjoni ta' dan it-tempju. U għall-konsagrazzjoni ta' dan it-tempju offrew b'sagrifiċċju mitt gendus, mitejn muntun, erba' mitt ħaruf; u għal dnubiet Iżrael kollu offrew tnax-il gidi skond kemm kienu tribujiet ta' Iżrael. Mbagħad qassmu l-qassisin skond it-taqsimiet tagħhom u l-Leviti fil-ġemgħat tagħhom għas-servizz ta' Alla f'Ġerusalemm, kif inhu miktub fil-Liġi ta' Mosè. Dawk li ġew lura mill-eżilju għamlu l-festa ta' l-Għid fl-erbatax ta' l-ewwel xahar. Il-qassisin u l-Leviti ssaffew flimkien, u għax kienu safja setgħu joqtlu l-ħaruf ta' l-Għid għal dawk kollha li kienu ġew lura mill-eżilju u għal ħuthom il-qassisin, u għalihom stess.

Salm Responsorjali Salm 122,1-2; 3-4b; 4c-5
Immorru ferħana f’dar il-Mulej

Fraħt meta qaluli: "Sejrin f'dar il-Mulej"
Diġà qegħdin riġlejna fi bwiebek, Ġerusalemm!
Immorru ferħana f’dar il-Mulej

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, it-tribujiet tal-Mulej.
Immorru ferħana f’dar il-Mulej

Biex, skont il-liġi ta' Iżrael, ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, it-tronijiet tad-dar ta' David.
Immorru ferħana f’dar il-Mulej

Evanġelju Lq 8,19-21

F’dak iż-żmien: Ġew għal Ġesu’ ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla. Xi ħadd qallu: "Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk." Iżda hu weġibhom: "Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jagħmlu li jgħid Hu."

No comments:

Post a Comment