Sunday, September 20, 2009

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru Il-Ħamsa u għoxrin Ħadd ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Għerf 2, 12; 17-20
Il-Ħżiena jgħidu: “Nonsbulu lill-ġust għaliex hu ta' xkiel għalina fi triqitna, hu kontra l-għemejjel tagħna, iċanfarna għax niksru l-Liġi, jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna. Jgħid li jagħraf 'l Alla, u jsejjaħ lilu nnifsu 'Bin il-Mulej'. Għalina hu ċanfira tal-fehmiet tagħna; narawh biss taħt għajnejna, idejjaqna. Għax m'hijiex bħal ta' l-oħrajn ħajtu, u ma tixbah lil ħadd l-imġiba tiegħu. Lilna jgħoddna ta' nies foloz, jistmell drawwietna bħal ħaġa moqżieża. Hieni jsejjaħ it-tmiem tal-ġusti, u jiftaħar li Alla missieru. Ħa naraw hux veru kliemu, naraw fl-aħħar x'se jsir minnu. Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu. Nġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija, biex naraw xi tjubija għandu u nkejjlu sa fejn jasal sabru. Naqtgħuhielu għall-mewt b'mistħija, għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu."

Salm Responsorjali Salm 54,3-4; 5; 6; 8
Alla hu dak li jgħini

B'ismek, o Alla, salvani; agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
Isma', o Alla, it-talba tiegħi; agħti widen għal kliem fommi.
Alla hu dak li jgħini

Għax nies kburin qamu kontrija, nies kefrin jonsbuli ħajti;
ma jżommux 'l Alla quddiem għajnejhom.
Alla hu dak li jgħini

Ara, Alla l-għajnuna tiegħi; il-Mulej hu dak li jżommni.
Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju; nrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb.
Alla hu dak li jgħini

It-Tieni Qari Ġakbu 3, 16-4, 3

Għeziez: fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta' ħażen. L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja. Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f'ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu xejn; mbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; mbagħad tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar.

L-Evanġelu Mk 9, 30-37

F’dak iz-zmien Ġesu’ u d-dixxipli telqu u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: "Bin il-bniedem se jingħata f'idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt." Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh. Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: "X'kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?" Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. Mbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: "Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta' kulħadd." U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f'nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: "Kull min jilqa' wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' mhux lili, imma lil dak li bagħatni."

No comments:

Post a Comment