Wednesday, September 23, 2009

L-Erbgħa 23 ta’ Settembru

L-Erbgħa 23 ta’ Settembru L-Erbgħa tal-25 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Esdra 9,5-9

Xħin kienu qed joffru s-sagrifiċċju ta' filgħaxija, jien qomt mill-għajb tiegħi, u bi ħwejġi u l-mantar tiegħi mċarrtin inżilt għarkubbtejja, u ftaħt idejja lejn il-Mulej, Alla tiegħi, u għedt: Minn żmien missirijietna sa llum waqajna fi ħtijiet kbar u minħabba fi dnubietna, aħna, is-slaten tagħna, u l-qassisin tagħna, ġejna mogħtija f'idejn slaten barranin. Dawn darbuna bix-xabla, ħaduna fl-eżilju, ħadulna ġidna, u ġejna fl-għajb li qegħdin fih illum. Imma issa, il-Mulej, Alla tagħna, tana grazzja għal ftit taż-żmien, billi ħallielna fdal u tana fuqiex nafdaw, jiġifieri dan il-post qaddis. B'hekk Alla tagħna ried iferraħna u jgħajjixna għal ftit fl-eżilju tagħna. Għax aħna lsiera; imma Alla tagħna ma nsiniex fl-eżilju tagħna, għax wera l-ħniena tiegħu magħna quddiem is-slaten tal-Persja, meta tana mill-ġdid il-ħajja ħa nerġgħu ntellgħu t-tempju ta' Alla tagħna, u nerġgħu nibnuh mill-ħerba tiegħu u b'hekk ikollna kenn f'Ġuda u Ġerusalemm.

Salm Responsorjali Tobit 13,2; 3-4a; 4b; 7-8
Mbierek Alla, li jgħix għal dejjem

Alla jikkastiga u jħenn; iwasslek sal-qabar f'qiegħ l-art,
u mbagħad jerfgħek mill-akbar qerda.
M'hemm ħadd li jeħles minn idejh.
Mbierek Alla, li jgħix għal dejjem

Faħħruh, ulied Iżrael, quddiem il-ġnus!
Hu xerridkom f'nofshom.
U hemm uriekom il-kobor tiegħu.
Mbierek Alla, li jgħix għal dejjem

Ara x'għamel magħkom!
Faħħruh b'kemm għandkom ħila,
u bierku l-Mulej il-ġust, u faħħru s-sultan ta' dejjem.
Mbierek Alla, li jgħix għal dejjem

Nfaħħru jien f'art l-eżilju tiegħi,
u nuri l-qawwa u l-kobor tiegħu lill-ġens midneb.
Mbierek Alla, li jgħix għal dejjem


Evanġelju Lk 9:1-6

Ġesu’ sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u li jfejjqu l-mard. U bagħathom ixandru s-Saltna ta' Alla u jfejjqu l-morda. U qalilhom: "Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. Jekk tidħlu f'xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu. Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma' riġlejkom bħala xhieda kontrihom." Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Evanġelju u jfejjqu l-morda kullimkien.

No comments:

Post a Comment