Monday, September 28, 2009

It-Tnejn 28 ta’ Settembru

It-Tnejn 28 ta’ Settembru It-Tnejn tas-26 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Żakkarija 8, 1-8

U ġiet il-kelma tal-Mulej ta' l-eżerċti u qalli: Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Jien għajjur fuq li għajjur għal Sijon, għajjur għaliha b'korla li ma bħalha." Dan jgħid il-Mulej: "Mill-ġdid indur lejn Sijon, u niġi ngħammar f'nofs Ġerusalemm. Mbagħad lil Ġerusalemm jibdew ixandruha bħala 'il-Belt il-fidila', u l-muntanja tal-Mulej tal-eżerċti bħala 'il-Muntanja l-qaddisa'." Dan jgħid il-Mulej: "Il-pjazez ta' Ġerusalemm għad jerġgħu joqogħdu fihom ix-xjuħ, rġiel u nisa, kulħadd bil-bastun f'idu minħabba t-tul ta' għomru. U l-pjazez tal-belt jimtlew bi tfal subjien u bniet, jilagħbu fil-wesgħat tagħha." Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Jekk illum din hija ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejn fdal dan il-poplu, se tkun ta' l-għaġeb f'għajnejja wkoll?" Oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti. Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Ara, jiena nsalva l-poplu tiegħi mil-lvant u mill-punent, u nġibhom lura biex jgħammru f'nofs Ġerusalemm; u huma jkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, fidil u ġust."

Salm Responsorjali Salm 102,16-18 ; 19-21 ; 29 ; 22-23
Il-Mulej jerġa' jibni lil Sijon, u jidher fis-sebħ tiegħu

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża' ta' ismek, Mulej,
u s-slaten kollha ta' l-art il-biża' tas-sebħ tiegħek,
meta l-Mulej jerġa' jibni lil Sijon, u jidher fis-sebħ tiegħu.
U jisma' t-talb tal-mitluqin, ma jistmellx it-talb tagħhom.
Il-Mulej jerġa' jibni lil Sijon, u jidher fis-sebħ tiegħu

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi, u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.
Il-Mulej iħares 'l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,
u jittawwal mis-sema lejn l-art,
biex jisma' l-krib ta' l-ilsiera, biex jeħles 'il dawk li huma għall-mewt.”
Il-Mulej jerġa' jibni lil Sijon, u jidher fis-sebħ tiegħu

Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom;
nisilhom jibqa' għal dejjem quddiemek."
U hekk jixxandar f'Sijon isem il-Mulej,
u f'Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,
meta l-popli flimkien jinġemgħu,
u saltniet biex jaqdu l-Mulej.
Il-Mulej jerġa' jibni lil Sijon, u jidher fis-sebħ tiegħu

L-Evanġelju Lq 9, 46-50

Qamet kwistjoni bejniethom id-dixxipli dwar min kien l-akbar fosthom. Ġesù għaraf x'kellhom f'moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, u qalilhom: "Min jilqa' lil dan it-tifel żgħir minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir." Qabeż Ġwanni u qallu: "Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f'ismek, u ridna nżommuh, għax hu m'huwiex wieħed minn tagħna." Imma Ġesù qallu: "La żżommuhx, għax min m'huwiex kontra tagħkom, huwa magħkom."

No comments:

Post a Comment