Saturday, September 19, 2009

Is-Sibt 19 ta' Settembru

Is-Sibt 19 ta' Settembru Is-Sibt tal-24 ġimgħa ta' matul is-sena
L-Ewwel Qari 1 Tim 6, 13-16

Għażiż: Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu. Nwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta' Sidna Ġesù Kristu, li għad juriha f'waqtha. Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani, is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien, li hu biss ma jmut qatt u jgħammar f'dawl li ħadd ma jista' jersaq lejh, hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista' jarah. Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Amen.

Salm Responsarjali Salm 100, 1-2, 3, 4, 5
Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi
Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha ta' l-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.
Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi

Kunu afu li Jaħweh hu Alla, hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.
Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi

Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu, bit-tifħir fil-btieħi
tat-tempju tiegħu; roddulu ħajr u bierku ismu!
Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi

Għax twajjeb il-Mulej, għal dejjem it-tjieba tiegħu; minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.
Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi

Evanġelju Lq 8, 4-15

F’dak iż-żmien, billi nġemgħet kotra kbira ta' nies li kienu ġejjin lejh minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola: "Wieħed bidwi ħareġ jiżra' ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra', xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar ta' l-ajru naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Oħrajn waqgħu f'art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija." Kif qal dan, rafa' leħnu u qal: "Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'?" Id-dixxipli tiegħu staqsewh x'kienet dik il-parabbola. U hu qalilhom: "Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta' Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli,"Il-parabbola, mela, hija din; iż-żerriegħa hi l-kelma ta' Alla. Dawk ta' matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, mbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw. Dawk ta' fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu. Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar 'il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx. Imma dawk li jaqgħu f'art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma b'qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

No comments:

Post a Comment