Thursday, September 24, 2009

L-Ħamis 24 ta’ Settembru

Il-Ħamis 24 ta’ Settembru Il-Ħamis tal-25 ġimgħa ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Ħaggaj 1, 1-8

Fit-tieni sena tas-sultan Dariju, fis-sitt xahar, fl-ewwel tax-xahar, il-Mulej, permezz tal-profeta Ħaggaj, kellem lill Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta' Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u qalilhom: "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċiti: 'Dan il-poplu jgħid: It-tempju tal-Mulej għad ma wasallux iż-żmien li jinbena mill-ġdid!'?" U l-Mulej tkellem permezz tal-profeta Ħaggaj u qal: "Jaqaw għalikom huwa issa l-waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-dar għadha ħerba?" U issa dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċiti: "Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu! Bosta żrajtu, imma ftit ħżintu; kiltu, u m'hemmx li tiskru; lbistu, u m'hemmx li tisħnu; u l-ħaddiem mikri jqiegħed ħlasu f'but imtaqqab." Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċiti: "Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu! Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam u ibnu d-dar, u jien nitgħaxxaq biha u nissebbaħ fiha?" jgħid il-Mulej.

Salm Responsorjali Salm 149,1b-2; 3-4; 5-6a;9b
il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: fil-ġemgħa
ta' ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, u jithennew ulied Sijon
bis-sultan tagħhom!
il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,
bid-daqq tat-tanbur u
taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.
il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

Bil-glorja jithennew ħbiebu,
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta' Alla jkun fuq fommhom
Dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.
il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

Evanġelju Lq 9,7-9

Dawn il-ġrajja kollha waslu f'widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet, waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti ta' l-imgħoddi. Iżda Erodi qal: "Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma' dan kollu?" U beda jfittex li jarah.

No comments:

Post a Comment