Wednesday, October 7, 2009

L-Erbgħa 7 t’Ottubru

L-Erbgħa 7 t’Ottubru Il-Madonna tar-Ruzarju


L-Ewwel Qari Ġona 4, 1-11


Iżda dan xejn li xejn m'għoġbu lil Ġona, u nkorla. U talab lill-Mulej u qal: "Jaħasra, Mulej, m'hux dan kien kliemi meta kont għadni f'pajjiżi? Kien għalhekk li jien għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla ħanin u tagħder, tqil biex tinkorla, kollok tjieba u jisgħob bik għad-deni. U issa, Mulej, ħudli ħajti, nitolbok, għax għalija aħjar immut milli nibqa' ħaj?" U qal il-Mulej: "Dan sewwa għalik li tinkorla?" Mbagħad Ġona ħareġ mill-belt u qagħad in-naħa tal-lvant tal-belt; tella' għalih għarix hemmhekk, u qagħad taħtu, għad-dell, biex jara x'kien se jiġri mill-belt. U l-Mulej Alla ordna li titla' siġra tar-riġnu għal Ġona, biex ikollu d-dell fuq rasu u teħilsu mill-ħsara. Ġona feraħ wisq bis-siġra; imma kif sebaħ l-għada, Alla bagħat dudu li mess is-siġra u din nixfet. Ġara mbagħad li, kif telgħet ix-xemx, il-Mulej bagħat riħ jaħraq mil-lvant, ix-xemx qabdet tisreġ fuq ras Ġona, hekk li dan ħassu ħażin u xtaq li jmut, u qal: "Għalija aħjar immut milli nibqa' ħaj?" U qal Alla lil Ġona: "Dan sewwa għalik li tinkorla għas-siġra?" Iżda hu wieġeb: "Iva, sewwa li nkurlajt sal-mewt." Mbagħad qallu l-Mulej: "Inti ġietek ħasra mis-siġra tar-riġnu, li la tħabatt għaliha u lanqas kabbartha int, u li f'lejl wieħed ġiet u f'lejl wieħed marret. Mela jiena ma kellix tiġini ħasra minn Ninwè?, il-belt il-kbira fejn hemm aktar minn mija u għoxrin elf ruħ li ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom, u fejn hemm ukoll ħafna bhejjem?"


Salm Responsorjali Salm 86:3-4, 5-6, 9-10

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb.


Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi,

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek,

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb.


Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer,

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb.


Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek,

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel;

int waħdek Alla!

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb.


L-Evanġelju Luqa 11, 1-4


Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: "Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu." U qalilhom: "Meta titolbu, għidu, 'Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek. Ħobżna ta' kuljum agħtina kuljum. U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.'"

Tuesday, October 6, 2009

It-Tlieta 6 t’Ottubru

It-Tlieta 6 t’Ottubru It-Tlieta tas-27 ġimgħa ta’ matul is-sena


L-Ewwel Qari Ġona 3, 1-10


U l-kelma tal-Mulej għat-tieni darba waslet lil Ġona u qallu: "Qum, mur f'Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien." U Ġona qam u mar f'Ninwè kif qallu l-Mulej. Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha. Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: "Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba?" In-nies ta' Ninwè emmnu f'Alla, nedew sawma u libsu x-xkejjer, mill-kbir saż-żgħir. L-aħbar waslet għand is-sultan ta' Ninwè, u qam minn fuq it-tron tiegħu, neħħa minn fuqu l-mantell tiegħu, nkesa bi xkora, u ntasab fuq l-irmied. U ħarġu jxandru u jgħidu f'Ninwè: "B'digriet tas-sultan u tal-kbarat tiegħu: La nies, la annimali, la bhejjem u lanqas merħliet, ħadd m'għandu jduq xejn, u la jirgħu u lanqas jixorbu ilma. U jinksew bi xkejjer, kemm il-bnedmin u kemm l-annimali jgħajjtu b'qawwa lejn Alla, u kull wieħed jerġa' lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħsara li għamel b'idejh. Min jaf jekk Alla jibdilux u jisgħobx bih, u jdur mill-korla mixgħula tiegħu, u aħna ma nintilfux?" U Alla ra x'għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa' bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.


Salm Responsorjali Salm 130, 1b-2; 3-4ab; 7-8

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jista' jżomm sħiħ?


Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa,

jiena u nitolbok bil-ħniena.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, min jista' jżomm sħiħ?


Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, biex

hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, min jista' jżomm sħiħ?


Jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael minn ħtijietu kollha.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, min jista' jżomm sħiħ?


L-Evanġelju Luqa 10, 38-42


Huma u sejrin, daħal f'raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f'riġlejn il-Mulej tisimgħu x'kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: "Mulej, m'intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi?" Qabeż il-Mulej u qalilha: "Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex."

Monday, October 5, 2009

It-Tnejn 5 t’Ottubru

It-Tnejn 5 t’Ottubru It-Tnejn tas-sebgħa u għoxrin ġimgħa ta’ matul is-sena


L-Ewwel Qari Ġona 1, 1-2,2; 11


Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona bin Amittaj, u qallu: "Qum, mur Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ħżunithom telgħet quddiemi." Imma Ġona qam biex jaħrab lejn Tarsis minn quddiem il-Mulej. Niżel Ġaffa, fejn inzerta ġifen sejjer lejn Tarsis, ħallas il-passaġġ, u telaq fuqu biex imur magħhom f'Tarsis, 'il bogħod mill-Mulej. Iżda l-Mulej bagħat riefnu fuq il-baħar, u qamet taqliba kbira, hekk li l-ġifen kien għoddu nqasam. Il-baħrin twerwru, u kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu; u waddbu l-baħar il-merkanzija li kien hemm fuq il-ġifen, biex iħaffu minn fuqhom. Iżda Ġona niżel isfelnett tal-ġifen, mtedd u raqad fil-fond. Mbagħad resaq fuqu l-kaptan u qallu: "Int kif int rieqed? Qum, u sejjaħ lil Alla tiegħek! Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux?" Mbagħad bdew jgħidu wieħed lil ieħor: "Ejjew nitfgħu x-xorti, ħa nkunu nafu ta' min hi l-ħtija li waqa' fuqna dan l-għawġ kollu." Tefgħu x-xorti, u x-xorti waqgħet fuq Ġona. Mbagħad qalulu: "Issa għidilna: ħtija ta' min ġie fuqna dan il-għawġ? X'inhu xogħlok, minn fejn int ġej, liema hu pajjiżek, u minn liema poplu int?" "Jien Għebrew?" qalilhom,"u nqim lill-Mulej, Alla tas-sema, li għamel il-baħar u l-art." Dawk l-irġiel beżgħu biża' kbir, u qalulu: "Dan għax għamiltu?" Għax billi hu qalilhom kollox, saru jafu li kien ħarab minn quddiem il-Mulej. Mbagħad qalulu: "X'se nagħmlu bik, biex il-baħar jikkwitalna?" Għax il-baħar baqa' jżid. "Aqbduni u ixħtuni l-baħar?" qalilhom,"u l-baħar jikkwitalkom. Għax naf li din it-tempesta kollha waqgħet fuqkom ħtija tiegħi." In-nies armaw jaqdfu biex jerġgħu jaqbdu l-art, iżda ma seħħilhomx, għax it-taqlib tal-baħar baqa' jżid kontrihom. Għalhekk sejjħu l-Mulej u qalu: "Jaħasra, Mulej, nitolbuk li ma tħalliniex nintilfu ħtija tal-ħajja ta' dan il-bniedem, u twaħħalniex ħatja ta' demm bla ħtija, għax kont int, Mulej, li għamilt kif għoġbok." U qabdu 'l Ġona u xeħtuh il-baħar, u l-baħar raqqad il-qilla tiegħu. U l-irġiel qabadhom biża' kbira mill-Mulej, u offrew sagrifiċċji lill-Mulej u għamlu wegħdiet. U l-Mulej qabbad ħuta kbira tibla' 'l Ġona, u Ġona baqa' tlitt ijiem u tliet iljieli f'żaqq il-ħuta. U talab Ġona lill-Mulej, Alla tiegħu, minn żaqq il-ħuta. U l-Mulej kellem lill-ħuta, u din xeħtet lil Ġona fuq l-art.


Salm Responsorjali Ġona 2, 3; 4; 5; 8

Int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra, Mulej


Fid-dwejjaq tiegħi lill-Mulej sejjaħt, u hu weġibni;

mill-ġuf ta' Art l-Imwiet krabt għall- għajnuna, u leħni smajtu.

Int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra, Mulej


Inti tfajtni fil-qiegħ, ġo nofs il-baħar, u l-wied dar miegħi;

l-imwieġ il-kbar u l-ħalel kollha tiegħek għaddew minn fuqi.

Int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra, Mulej


U jiena għedt: "Tgerrixt minn quddiem wiċċek:

kif nerġa' nara t-tempju mqaddes tiegħek?"

Int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra, Mulej


Meta ġo fija kelli ruħi mħeddla, jien fil-Mulej ftakart;

u t-talba tiegħi telgħet sa quddiemek, fit-tempju mqaddes tiegħek.

Int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra, Mulej


L-Evanġelju Luqa 10, 25-37


Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: "Mgħallem, x'nagħmel biex niret il-ħajja ta' dejjem?" Qallu Ġesù: "Fil-Liġi x'hemm miktub? Inti x'taqra fiha?" U dak wieġeb: "Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, u b'ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b'moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek." "Sewwa weġibt?" qallu Ġesù,"agħmel hekk u tgħix." Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: "U l-proxxmu tiegħi min hu?" U Ġesù raġa' qabad jgħidlu: "Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa' f'idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f'lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu,"Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa' ngħaddi.' Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta' proxxmu ma' dak li waqa' f'idejn il-ħallelin?" "Min ħenn għalih?" wieġbu dak."Mur?" qallu Ġesù,"u agħmel hekk int ukoll."

Sunday, October 4, 2009

Il-Ħadd 4 t’Ottubru

Il-Ħadd 4 t’Ottubru Is-27 Ħadd ta’ matul is-sena

L-Ewwel Qari Ġenesi 2, 18-24


Il-Mulej Alla qal, "M'hux sewwa li l-bniedem jibqa' wahdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd ghalih." U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu ta' l-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skond ma jkun il-bniedem semma lil kull ħlieqa ħajja, dak ikun isimha. U l-bniedem ta isem lil kull bhima u 'l kull tajra ta' l-ajru, u 'l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih. U l-Mulej Alla tefa' nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f'mara u giebha lill-bniedem. Mbagħad il-bniedem qal: "Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet hi." Għalhekk ir-ragel ihalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma' martu u jsiru ġisem wieħed. U t-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin.


Salm Responsorjali Salm 128, 1-2; 3; 4-5; 6

Ħa jbierkek il-Mulej tul-ġranet kollha ta’ ħajtek


Hieni kull min jibża' mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb!

Ħa jbierkek il-Mulej tul-ġranet kollha ta’ ħajtek


Martek tkun bħal dielja

għammiela fl-irkejjen ta' darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek.

Ħa jbierkek il-Mulej tul-ġranet kollha ta’ ħajtek


Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Ħa jbierkek il-Mulej tul-ġranet kollha ta’ ħajtek


Jalla tara wlied uliedek!

Sliem għal Iżrael!

Ħa jbierkek il-Mulej tul-ġranet kollha ta’ ħajtek


It-Tieni Qari L-Ittra lil-Lhud 2, 9-11


Lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta' Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta' kulħadd. Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-Salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tas-sofferenzi. Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, lkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejjħilhom ħutu.


Evanġelju Mark 10, 2-16 jew 10, 2-12


Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: "X'ordnalkom Mosè?" Qalulu: "Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha." Mbagħad weġibhom Ġesù: "Minħabba l-ebusija ta' qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u 'l ommu u jingħaqad ma' martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk m'humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem." Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: "Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta' adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta' adulterju."


Jista’ jieqaf hawn jew ikompli


Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: "Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna ta' Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha." Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Saturday, October 3, 2009

Is- Sibt 3 t’Ottubru 2009

Is- Sibt 3 t’Ottubru 2009 Is-Sibt tas-26 Ġimgħa Matul is-Sena

L-Ewwel Qari Bar 4, 5-12; 27-29

Agħmel il-qalb, poplu tiegħi, int, it-tifkira ta' Iżrael! Kontu mibjugħa lill-ġnus, iżda mhux biex tiġu fix-xejn; kontu mogħtija f'idejn l-għedewwa, għax kebbistu l-korla ta' Alla. Xgħeltu l-għadab ta' min sawwarkom, għax offrejtu s-sagrifiċċju lill-allat, u mhux lil Alla. Nsejtu lil Alla ta' dejjem, lil dak li għajjixkom. Mlejtu bl-imrar lil Ġerusalemm, lil dik li rabbietkom. Għax hi rat il-korla ta' Alla nieżel fuqkom, u qalet: "Isimgħu ġirien Sijon: Alla bagħat niket kbir fuqi, għax ġarrabt jasar uliedi, subjien u bniet, il-jasar li fih bagħathom Alla ta' dejjem. Jekk it-trobbija tagħhom ferrħitni, it-tlugħ tagħhom bikkieni u qasamli qalbi. Ħadd m'għadu jifraħ bija, armla li baqgħet weħidha; kelli ħafna u telquni, għax uliedi dinbu, u daru lura mil-Liġi ta' Alla. Agħmlu l-qalb, uliedi, sejjħu lil Alla; dak li ġarrabkom għad jiftakar fikom. Bħalma fittixtu titbiegħdu minn Alla hekk issa duru lejh u fittxuh b'ħerqa għaxar darbiet aqwa. Għax dak li bagħat fuqkom dan l-hemm kollu, hekk għad isalvakom, u jimliekom b'ferħ dejjiemi."

Salm Responsorjali Ps 69, 33-35; 36-37

Il-Mulej jisma’ lill-fqajrin

Jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma' l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

Ifaħħruh is-sema u l-art, l-ibħra

u kull ma jitħarrek fihom.

Il-Mulej jisma’ lill-fqajrin


Għax Alla jsalva 'l Sijon, u jibni l-bliet ta' Ġuda;

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha.

Il-Mulej jisma’ lill-fqajrin


Evanġelju Lk 10, 17-24

It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: "Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f'ismek?" U hu qalilhom: "Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa' bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta' l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b'dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet." F'dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: "Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu." Mbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: "Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx?"

Friday, October 2, 2009

Il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru

Il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru Tifkira tal-Anġli Kustodju

L-Ewwel Qari Baruk 1,15-22

Waqt l-eżilju tal-Babilonja, l-eżiljati talbu: 'Il-ġustizzja hi min-naħa tal-Mulej, Alla tagħna, iżda min-naħa tagħna, kif aħna llum, aħna għandna l-għajb ma' wiċċna, ma' wiċċ kull bniedem ta' Ġuda, u ma' wiċċ kull min joqgħod Ġerusalemm, ma' wiċċ is-slaten u l-prinċpijiet, u ma' wiċċ il-qassisin u l-profeti tagħna, u ma' wiċċ missirijietna. Għax aħna dnibna quddiem il-Mulej, ma tajniex widen għall-Mulej Alla tagħna, meta sejjħilna biex inġibu ruħna skond il-kmandamenti li tana l-Mulej, ma smajniex minnu." 'Sa minn meta l-Mulej ħareġ lil missirijietna mill-art ta' l-Eġittu sa llum, aħna qomna kontra l-Mulej Alla tagħna, ġibna ruħna bla ħsieb u ma smajniex il-leħen tiegħu. Għalhekk qabdu magħna l-hemm u s-saħta, li l-Mulej kien ħabbrilna permezz tal-qaddej tiegħu Mosè, meta ħareġ lil missirijietna mill-art ta' l-Eġittu, biex jagħtina art tnixxi ħalib u għasel; u hekk għadna sa llum. Ma smajniex leħen il-Mulej, Alla tagħna, f'kull ma qalilna permezz tal-profeti li bagħtilna, iżda kull wieħed minna mexa skond il-qalb ħażina tiegħu billi qdejna allat oħra u għamilna dak li hu ħażin quddiem il-Mulej, Alla tagħna.

Salm Responsorjali Salm 79, 1b-2; 3-5; 8; 9
F'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek Mulej eħlisna

O Alla, daħlu l-ġnus f'wirtek, niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek,
għamlu 'l Ġerusalemm ħerba waħda.
Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek b'ikel lit-tjur ta' l-ajru;
taw laħam ħbiebek lill-bhejjem ta' l-art.
F'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek Mulej eħlisna

Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm;
u ma kienx hemm min jidfinhom.
Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna,
għad-daħk u ż-żebliħ għal ta' madwarna.
Mulej, għal dejjem se tibqa' inkurlat magħna?
Se tibqa' mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek?
F'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek Mulej eħlisna

Tiftakrilniex il-ħtijiet ta' l-imgħoddi; fittex ejja u lqagħna
bi ħnientek, għax ninsabu mifnija għall-aħħar.
F'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek Mulej eħlisna

Għinna, o Alla, Salvatur tagħna, f'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek.
F'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek Mulej eħlisna

Evanġelju Mattew 18, 1-5; 10

F'dak il-waqt resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: "Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?" Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f'nofshom u qalilhom,"Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. U kull min jilqa' tfajjel bħal dan minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili. "Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet.”

Thursday, October 1, 2009

Il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru

Il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru Tifkira ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, verġni u duttur tal-Knisja

L-Ewwel Qari Neħemija 8, 1-4a; 5-6; 7b-12

Il-poplu kollu nġabar flimkien fil-misraħ ta' quddiem Bieb l-Ilma, u talbu lil Esdra l-iskriba biex iġib il-Ktieb tal-Liġi ta' Mosè li l-Mulej kien ta lil Iżrael. Kien l-ewwel tas-seba' xahar mela, u Esdra l-qassis ġieb il-Liġi quddiem il-ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li kienu jifhmu dak li jisimgħu. U mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-irġiel, in-nisa, u dawk li kienu kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ li hemm quddiem Bieb l-Ilma. U l-poplu kollu kien attent jisma' l-qari tal-Ktieb tal-Liġi. Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk ta' l-injam, li kienu waqqfu għall-okkażjoni. Mbagħad Esdra fetaħ il-Ktieb u rah kulħadd jagħmel dan billi kien fil-għoli 'l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb kulħadd qam bilwieqfa. U Esdra bierek il-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu kollu b'idejh merfugħin 'il fuq wieġeb: "Amen, amen." U nxteħtu għarkubbtejhom b'wiċċhom ma' l-art jagħtu qima lill-Mulej. U l-poplu baqa' wieqaf fejn kien. Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b'mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari. Mbagħad il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u l-Leviti li kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: "Dan hu jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux?" Għax il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama' kliem il-Liġi. U żiedu jgħidulhom: "Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewwdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom." U l-Leviti komplew iqawwu qalb il-poplu u jgħidulu: "Isktu! Dan hu jum qaddis. La ssewwdux qalbkom." Mbagħad il-poplu kollu telaq biex jiekol u jixrob, u jibgħat jaqsam ma' ħaddieħor, u biex jagħmel festa b'ferħ kbir, għax kien fehem dak kollu li kienu għallmuh.

Salm Responsorjali Salm 19, 8; 9; 10; 11
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja; ix-xhieda tal-Mulej
hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; il-kmandament
tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal dejjem; il-ġudizzji
tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox.
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin, oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda.
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb

Evanġelju Luqa 10, 1-12

Ġesu’ għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f'kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: "Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, 'Is-sliem lil din id-dar.' U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa' lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F'kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, 'Is-Saltna ta' Alla waslitilkom.' Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu, 'Sa t-trab ta' beltkom infarfru minn ma' riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta' Alla waslet.’ Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.